Jirritorna l-Karnival fuq Barra (2017)

Jerġa jirritorna l-karnival f’Birżebbuġa, f’dik li hi manifestazzjoni barra fit-triq għax fis-snin l-imgħoddija ttellgħu diversi serati ġewwa s-sala tal-iskola Primarja ta’ Birżebbuġa.  L-aħħar snin li ttellgħa l-Karnival fuq barra kien mis-Soċjetà tagħna, ħafna snin ilu, imma l-ispejjeż u l-proġetti kbar li mgħaddiet minnhom is-Soċjetà ma setgħux iħalluha tibqa’ torganizza l-Karnival kollu waħidha.

Din is-sena l-Karnival qed jerġa’ jiġi organizzat kif jixraq bi Sfilata.  Dn l-isfilata qed tiġi organizzata mill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa bis-sehem tal-baned tal-lokal kif ukoll mill-membri tal-Għaqda tal-Armar l-1 t’Awwissu.

Din is-sena reġa’ kien hemm numru ta’ attivitajiet sostanzjali tal-karnival f’Birżebbuġa.  Barra l-isfilata li naħseb se tkun l-attività prinċipali, is-Soċjetà tagħna se ttellgħa Party tal-karnival għat-tfal organizzat mill-Kummissjoni Armar Esterni Banda Birżebbuġa u Ballu tal-Karnival fil-Bottegin tas-Soċjetà tagħna organizzat mill-Grupp Teatrali 14 ta’ Jannar.  Interessanti u lodevoli l-idea tal-kappillan dik li jistieden it-tfal ta’ Birżebbuġa jattendu bil-kostum tal-Karnival għall-quddiesa tal-11am bl-iskop li mill-kostum jisiltu tifsira reliġjuża.

PROGRAMM TAL-KARNIVAL 2017

  • 18 Frar 2017 – PARTY TAL-KARNIVAL GĦAT-TFAL
    se jsir Party tal-Karnival għat-Tfal. Party tal-Karnival ghat-Tfal nhar is-Sibt 18 ta’ Frar gewwa s-sala tal-kazin Banda Birzebbuga. Niehdu gost flimkien permezz ta’ magija, loghob, ikel u aktar. Dan kollu bi prezz ta’ €8. Ser ikollna wkoll kompetizzjoni ghall-isbah kostum maghzul minn gurija apposta. Min jaghzel li jiehu sehem fil-kompetizzjoni jista’ jaghmel dan ghall-prezz ta €10 li jinkludi wkoll il-party. Ghall-party jistghu jattendu wkoll genituri jew min jiehu hsieb it-tfal billi jhallsu l-prezz ta’ €8. Ibbukkjaw billi ccemplu fuq 79277303 jew kellmuna fil-facebook page Kummissjoni Armar Estern Banda Birżebbuġa. Tiistgħu tavviċinaw lil Benji Caruana.

 

  • 25 Frar 2017 – 4:30pm – SFILATA
    Bi sħab mal-Kunsill il-Banda tagħna flimkien mal-banda l-oħra ILLUM se ndoqqu fl-isfilata tal-Karnival ta’ Birżebbuġa li se tibda fl-4:30pm minn San Ġorġ fejn il-Miracle Foods. L-isfilata tgħaddi mit-toroq prinċipali ta’ Birżebbuġa anke mill-Pjazza, tgħaddi minn quddiem is-Sede tagħna u tintemm fejn it-Teatru Grieg fejn imbagħad tibda varjetà ta’ żfin, kanzunetti u daqq. Fit-triq (Quddiem is-Seabreeze Hotel) ikun hemm gabbani fejn ibiegħu ikel u xorb.

 

  • 25 Frar 2017 – 8pm ‘il Quddiem – BALLU TAL-KARNIVAL
    Il-Grupp Teatrali 14 ta’ Jannar fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa A.D. 1990 qed jorganizza Ballu tal-Karnival illejla fil-Bottegin tal-Każin. Għall-Prezz ta’ 7.50 Euros tingħata Welcome drink u se jitqassam finger food. Ikun hemm ukoll il-Karaoke. Kulħadd huwa mistieden li jiġi bil-kostum.

 

  • 26 Frar 2017 – 11am – QUDDIESA BIL-KOSTUM
    Il-Kappillan javża li l-quddiesa ta’ għada l-Ħadd 11am, it-tfal huma mistiedna li jiġu bil-kostum tal-Karnival. It-tfal se jkunu mistiedna jisiltu tifsira reliġjuża wara l-Kostum tagħhom.

 

IL-MEMBRI TAS-SOĊJETA HUMA MĦEĠĠA JATTENDU GĦAL DAWN L-ATTIVITAJIET, SPEĊJALMENT L-ISFILATA. IS-SOĊJETÀ GĦANDHA STORJA KBIRA FIL-KARNIVAL. KONNA AĦNA LI GĦAL ŻMIEN TWIL ORGANIZZAJNA L-KARNIVAL F’BIRŻEBBUĠA. IL-BANDA TAGĦNA FL-EWWEL SAFRA LI GĦAMLET KIENET ĦADET SEHEM FIL-KARNIVAL TAL-KOMUNITÀ MALTIJA TAT-TUNEŻIJA. GĦALHEKK IL-MEMBRI TAS-SOĊJETÀ TAGĦNA HUMA MĦEĠĠA LI JATTENDU BIEX JALLEGRAW KIF VERU JAFU JAGĦMLU.

Il-Karnival organizzat mis-Soċjetà tagħna fis-snin li għaddew.

Imiss il-Karnival, festa oħra kbira fil-kalendarju Kulturali Malti. Fis-snin li għaddew, speċjalment fis-snin 2005 u 2006 is-Soċjetà tagħna kienet l-unika Għaqda u entità f’Birżebbuġa li mbuttat u għamlet li setgħet biex tkabbar iċ-ċelebrazzjonijet tal-Karnival f’dan ir-raħal.

Ta’ min ifakkar li fis-sena 1996 malli tlestiet is-Sala prinċipali tal-Ġawhra San Pietru, ġiet organizzata kompetizzjoni mill-aqwa ta’ Kostumi tal-Karnival għat-tfal. Il-konkorrenza kienet kbira. Kienet waħda mill-ewwel attivitajiet kbar li ġew organizzati fis-Sede l-ġdida tagħna. Fis-snin ta’ wara 1997, 1998, u 1999 kienu saru diversi discos għaż-żgħażagħ b’kompetizzjonijiet għall-aqwa kostum fis-Sala Prinċipali tal-każin.

Fis-sena 2004 ġrat xi ħaġa interessanti ħafna li kompliet tkabbar iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival fis-Soċjetà tagħna. Bis-saħħa ta’ xi membri tal-Kumitat, waslet stedina biex il-banda tagħna, il-Banda Birżebbuġa A.D. 1990 iddoqq għall-Kommunità Maltija fil-Karnival ta’ Port El Kantaoui, fit-Tuneżija. Il-preparazzjoni kienet waħda kbira u intensiva. Kienet l-ewwel safra li għamlet il-banda tagħna barra minn xtutna u għamilna isem għal raħalna. Minn dakinhar ‘l hawn id-diversi dilettanti tal-Karnival li għandha s-Soċjetà qatt ma ħarsu lura.

Fis-snin 2005 u 2006, is-Soċjetà tagħna kompliet torganizza l-Karnival din id-darba barra fit-toroq ta’ Birżebbuġa. Ġew organizzati marċi Karnivaleski b’marċi sbieħ immens. Ġew mistiedna diversi għaqdiet taż-żfin b’kostumi kbar u sbieħ immens. Saru diversi kompetizzjonijiet għat-tfal u żfin organizzat mill-membri stess tas-Soċjetà tagħna. Fis-sena 2006 sar ukoll karru sabiħ tal-karnival li kompla jżid il-briju fit-toroq ta’ Birżebbuġa. Matul dawn is-snin il-Karnival kien jiġi organizzat biss mis-Soċjetà tagħna. Ħadd iktar ma kien jisforza jieħu inizjattiva, jew għall-inqas jgħin lis-Soċjetà tagħna. Bi spejjeż dejjem jikbru u bi proġett kbir bħalma kienet ix-xiri tal-ispiżerija f’dawk is-snin, kienet diffiċli għas-Soċjetà li tibqà terfa r-responsabbiltà tal-Karnival kollha waħidha. Iċ-ċelebrazzjonijiet kellhom bilfors jiġu modifikati. Fis-snin ta’ wara, il-karnival baqa’ jiġi ċelebrat b’diversi ballijiet u parties tal-Karnival fuq ġewwa għall-membri numerużi tagħna. Min jaf? Ħadd ma jista’ jgħid x’jista’ jsir ‘il quddiem! Sakemm jiġi dak iż-żmien, is-Soċjetà tagħna baqgħet l-unika entità li għamlet Karnival organizzat fit-toroq tar-raħal tagħna, xi ħaġa li ġġiegħlek taħseb mhux ħażin.